About Kwalifiki u kredenzjali

Kwalifiki – iċ-ċertifikati u d-diplomi mogħtija wara l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim - huma essenzjali fis-soċjetajiet moderni. Dawn jaffettwaw il-kapaċità tagħna li nsibu impjieg, li nipprattikaw professjoni, li nsegwu tagħlim tul il-ħajja u li mmorru ngħixu barra minn pajjiżna. Dawn jaffettwaw ukoll il-pożizzjoni u l-istatus soċjali ġenerali tagħna. Il-kwalifiki huma importanti:

  • għall-impjegaturi, minħabba li jindikaw x’jista’ jkun mistenni minn impjegat potenzjali;
  • għall-edukazzjoni u t-taħriġ, minħabba li jikkonfermaw li kandidat kiseb b’suċċess sett ta’ eżiti tat-tagħlim;
  • għal dawk li jfasslu l-politika, bħala punt fokali tal-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ, minħabba li fost l-oħrajn jipprovdu riżultat tanġibbli tal-proċessi ta’ tagħlim.

Filwaqt li l-kwalifiki u l-lawrji mill-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali għandhom rwol importanti fl-Ewropa, tipi ġodda ta’ kredenzjali (inklużi l-badges diġitali, il-mikrokredenzjali, in-nanokredenzjali u oħrajn) qed jiġu promossi dejjem aktar bħala mod komplementari ta’ kif jiġi vvalutat it-tagħlim, li jippermetti lill-individwi jiġbru u jżidu mal-esperjenzi ta’ tagħlim b’mod flessibbli, bir-ritmu tagħhom u tul ħajjithom kollha.

Firxa wiesgħa ta’ kwalifiki issa hija inkluża fl-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki marbuta mal-qafas Ewropew tal-kwalifiki (QEK) Dawn l-oqfsa jagħmlu l-fehim u t-tqabbil tal-kwalifiki aktar faċli fi ħdan il-pajjiżi u bejniethom, filwaqt li jħeġġu lill-pajjiżi jqisu mill-ġdid u jirriformaw il-politika u l-prattika dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja. L-oqfsa tal-kwalifiki u r-riformi relatati kkontribwew għal trasparenza akbar tas-sistemi tal-kwalifiki u għal aċċess imtejjeb għal opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja.