You are here

X’inhi l-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol għall-iggwidar tul il-ħajja?

4m

L-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol tgħidlek dwar il-post tax-xogħol jew is-suq tax-xogħol. L-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol tiddeskrivi l-kundizzjoni tas-suq tax-xogħol, tal-passat u tal-present, kif ukoll il-previżjonijiet tal-futur. Din tikkjarifika fejn l-opportunitajiet tax-xogħol qed jiżdiedu jew jonqsu, x’okkupazzjonijiet jeżistu, x’għandek tistudja biex issir professjonist f’dik l-okkupazzjoni, x’inhu meħtieġ biex tieħu okkupazzjoni, kif wieħed jista’ jsib xogħol, jibdel ix-xogħol jew jimxi ’l quddiem f’karriera.

 

U xi ngħidu dwar l-intelliġenza tas-suq tax-xogħol? L-intelliġenza tas-suq tax-xogħol tirreferi għall-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol li tkun ġiet analizzata u interpretata qabel ma tkun ġiet ippreżentata lill-pubbliku. Essenzjalment il-maġġoranza tal-informazzjoni dwar il-karrieri hija intelliġenza tas-suq tax-xogħol. F’dan is-sett ta’ għodod nużaw il-kunċett ta’ informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol li tirreferi kemm għall-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol kif ukoll għall-intelliġenza tas-suq tax-xogħol.

Hawnhekk inti tista’ tiskopri d-definizzjoni tal-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol għall-iggwidar tul il-ħajja:

 
DEFINIZZJONI TA’ LMI GĦALL-IGGWIDAR TUL IL-ĦAJJA

L-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol għall-iggwidar tul il-ħajja hija definita bħala informazzjoni dwar l-affarijiet li ġejjin: 

  1. Il-profil u x-xejriet tas-suq tax-xogħol inklużi l-perspettivi tal-impjieg, tal-qgħad u tal-qligħ skont is-settur u l-okkupazzjoni. Id-dejta għandha tkun disponibbli fid-dimensjoni nazzjonali, reġjonali u lokali fejn hemm disponibbli informazzjoni statistikament affidabbli u dejta li ma tiżvelax informazzjoni sensittiva. Il-prinċipji bażiċi tar-regolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol, il-liġijiet u l-politiki tas-suq tax-xogħol.
  2. Ix-xejriet fil-ħiliet, inklużi l-ħtiġijiet għal u l-ispariġġ fil-ħiliet, il-lakuni fil-ħiliet, flimkien mad-domanda għall-ħiliet attwali u futura. Id-dimensjoni reġjonali u lokali għandha tkun inkluża jekk hemm disponibbli informazzjoni statistikament affidabbli u li ma tiżvelax informazzjoni sensittiva.
  3. Informazzjoni dwar okkupazzjonijiet li tinkludi informazzjoni dwar il-ħtiġijiet tal-ħiliet, l-isfond edukattiv, l-interessi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, in-nuqqas ta’ ħiliet, il-pagi u l-qligħ. 
  4. Il-mogħdijiet biex tidħol u timxi ’l quddiem fl-okkupazzjonijiet inklużi l-offerti tax-xogħol.
  5. It-toroq biex tidħol u timxi ’l quddiem fl-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex tikseb il-ħiliet għal okkupazzjoni, jew timla’ lakuna fil-ħiliet għal okkupazzjoni li tixtieq. 
  6. Informazzjoni għall-ippjanar tal-karriera dwar fejn tista’ ssib l-informazzjoni u l-għajnuna 
  7. Kwistjonijiet dwar l-opportunitajiet indaqs u d-diversità (miżuri ta’ sostenn), u l-profil tal-forza tax-xogħol li qed jinbidel

X’inhi informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol tajba?

L-istandards tal-kwalità għall-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol għandhom ikunu għoljin minħabba li l-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol għandha ħafna dimensjonijiet (kif muri fid-definizzjoni) u mhux faċli biex taħdem biha. Hawnhekk inti tista’ ssib il-kriterji tal-kwalità għall-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol għall-iggwidar tul il-ħajja: 

X’inhi informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol tajba għall-iggwidar tul il-ħajja?

Informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol ta’ kwalità tajba għandu jkollha l-karatteristiċi li ġejjin:

  • Eżattezza (eż statistikament affidabbli)
  • Kompletezza eż f’termini ta’ setturi, reġjun
  • Tempestività: dejta reċenti, aġġornata b’mod frekwenti
  • Rilevanza għall-ħtiġijiet tal-utent u l-ħtiġijiet adattati tal-gruppi ta’ utenti differenti 
  • Attraenti u disponibbli f’formats differenti (jiġifieri stampi, infografika, tabelli, ċarts, graffs u vidjows)
  • Aċċessibbiltà: li tikkunsidra l-abbiltajiet u l-isfondi differenti, kliem li tifhmu faċilment, aċċess mingħajr reġistrazzjoni, kemm jista’ jkun irħis jew mingħajr ħlas, kif ukoll disponibbli f’kopja elettronika u stampata
  • Imparzjali: l-informazzjoni hija pprovduta skont l-interess tal-utent biss, mhijiex influwenzata mill-interessi tal-fornitur, istituzzjonali u ta’ finanzjament, u ma tiddiskriminax fuq il-bażi tas-sess, l-età, l-etniċità, il-klassi soċjali, il-kwalifiki u l-abbiltà.
  • Għandha awtorità
  • Komparabbiltà tad-dejta maż-żmien, fuq livelli ġeografiċi differenti
  • Tinkludi informazzjoni lokali jew reġjonali sabiex turi l-possibbiltajiet fir-reġjun fejn wieħed jgħix iżda fl-istess ħin f’reġjuni oħra (biex tħeġġeġ il-mobilità)
  • Transparenti: is-sorsi tad-dejta huma indikati
  • Faċli biex taġġornaha
  • Tħares ’il quddiem 
 
Eżempju ta’ LMI li tħares ’il quddiem

Żieda fl-impjieg fil-futur (% ta’ bidla) fis-setturi kollha fl-UE fl-2015-2025

Sors: Skills Panorama,

Link tas-Cedefop: http://skillspanorama.cedefop.europa.eu/en/skills-theme/future-jobs

Ċerti punti ta’ attenzjoni speċifiċi huma dawn li ġejjin: 

  • L-utenti individwali jistennew informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol attraenti. Huwa importanti li l-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol tiġi ppreżentata b’mod li jappella viżwalment f’siti web, infografika, għodda online, opuskoli, ... Barra dan, l-LMI għandha tiġi ppreżentata b’mod differenti sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni u l-istili tat-tagħlim (u l-abbiltajiet) differenti tal-klijenti.  Barra minn hekk, l-utenti jħobbu jippruvaw l-affarijiet, jesperimentaw, jagħmlu xi ħaġa, ikollhom aċċess għal attivitajiet ta’ ispirazzjoni fil-post tal-impjegatur.  
  •  Fix-xogħol tiegħek, jista’ jkun diffiċli li ssib bilanċ bejn l-għoti ta’ pariri dwar il-karriera newtrali u oġġettivi bbażati fuq informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol imparzjali u l-għan u l-istrateġija tal-organizzazzjoni li qed taħdem għaliha.
    • Eżempju 1: il-gwida u l-edukazzjoni għall-karriera minn federazzjoni tas-settur qed tiffoka fuq settur wieħed biss filwaqt li normalment jeżistu opportunitajiet f’diversi setturi;
    • Eżempju 2: konsulenti tax-xogħol fis-servizzi tal-impjieg pubbliku jistgħu jkunu sfurzati jfittxu bilanċ bejn l-objettivi tal-għadd ta’ każijiet u miri ta’ attivazzjoni mgħaġġla minn naħa waħda u l-preferenzi individwali jew il-potenzjal mhux sfruttat tal-persuni li qed ifittxu x xogħol min-naħa l-oħra.
    • Eżempju 3: hemm riskju għal informazzjoni selettiva jew mhux oġġettiva fl-opuskoli li jippromwovu programmi edukattivi
  • L-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol tista’ tinkiseb b’mod formali u informali. L-informazzjoni formali dwar is-suq ix-xogħol hija mifruxa fuq ħafna sorsi differenti. Hemm ammont sinifikanti ta’ informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol disponibbli online f’siti web, bażijiet tad-dejta, apps, midja soċjali, vidjows, ..... Informazzjoni aktar speċifika dwar l-ICT u l-LMI tinsab hawnhekk

Il-kumplessità tal-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol teħtieġ ħiliet ta’ navigazzjoni tajbin. Għal ħafna klijenti, huwa neċessarju li l-professjonisti tal-karriera jkollhom rwol bħala interfaċċa bejn is-sorsi tal-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol u l-klijenti. Il-professjonisti tal-karriera jadattaw, jinterpretaw, jirraggruppaw mill-ġdid l-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol u jużawha biex jedukaw, jinformaw, jagħtu pariri u jiggwidaw lill-klijenti. Kif tista’ tagħmel dan? Sir af iktar dwar l-integrazzjoni tal-LMI fl-iggwidar tul il-ħajja fil-kapitolu li jmiss 

 
Collapsible section
Collapsed by default