About Xejriet futuri fis-sistemi u l-istituzzjonijiet tal-VET

Għalkemm l-edukazzjoni u t-taħriġ b’orjentazzjoni vokazzjonali fl-Ewropa huma differenti bejn il-pajjiżi, dawn qed jinbidlu b’diversi modi fundamentali. Dawn mhux biss qed isiru aktar diversi fil-programmi u l-kwalifiki tagħhom - pereżempju l-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ settur tas-servizzi li qed jikber - iżda qed jespandu wkoll għal livelli ogħla. F’ċerti pajjiżi, din il-kombinazzjoni ta’ diversifikazzjoni u espansjoni hija pass lejn it-twettiq tat-tagħlim tul il-ħajja f’realtà, l-adattament tal-VET għall-ħtiġijiet tal-istudenti ta’ kull età u fi stadji differenti fil-karrieri u fil-ħajja tagħhom. F’ħafna pajjiżi, l-edukazzjoni u t-taħriġ b’orjentazzjoni vokazzjonali f’livelli differenti tal-qafas Ewropew tal-kwalifiki (QEK) jingħataw minn firxa dejjem akbar ta’ istituzzjonijiet (pereżempju skejjel tal-VET, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni terzjarja, kumpaniji, fornituri tal-edukazzjoni għall-adulti u dawk privati, korpi internazzjonali).

Ir-riċerka tas-Cedefop dwar in-natura u r-rwol li qed jinbidlu tal-VET fl-Ewropa tagħti stampa komprensiva tal-iżviluppi tal-VET fl-Ewropa. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tagħna Il-VET fl-Ewropa 1995-2035 jiddeskrivi serje ta’ perkorsi futuri potenzjali ta’ kif il-VET tista’ tevolvi fid-deċennji li ġejjin; dawn ix-xenarji jenfasizzaw l-għażliet li dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet ikkonċernati se jiffaċċjaw. Filwaqt li tibni direttament fuq dan il-proġett, il-ħidma tagħna dwar il-futur tal-VET tgħaqqad enfasi fuq il-bidliet istituzzjonali ma’ analiżi sistematika tal-iżviluppi tal-kontenut tal-VET. Il-ħidma tkopri s-27 Stat Membru tal-UE, l-Iżlanda, in-Norveġja u r-Renju Unit, u tikkontribwixxi għal fehim aħjar tal-isfidi u l-opportunitajiet li se jiffaċċjaw il-VET Ewropej fis-snin li ġejjin. Din tagħti attenzjoni partikolari lill-mod kif il-kontenut u l-profil tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali qed jinbidlu. F’ħafna pajjiżi nistgħu naraw twessigħ tal-profili, filwaqt li n-numru ġenerali ta’ kwalifiki (u għalhekk l-ispeċjalizzazzjonijiet) jitnaqqas u dan jindika li l-ħiliet futuri tal-VET jistgħu jidhru differenti minn kif jidhru llum, f’konformità mar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu malajr. Ir-rilevanza u l-kwalità tal-VET futuri jiddependu mill-kapaċità tagħhom li jwieġbu għal dawn id-domandi li qed jinbidlu.