Cedefop huwa waħda mill-aġenziji deċentralizzati tal-UE. Imwaqqaf (1) fl-1975 u bbażat fil-Greċja sa mill-1995, Cedefop jappoġġja l-iżvilupp tal-politiki tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV) Ewropej u jikkontibwixxi għall-implimentazzjoni tagħhom. L-aġenzija tgħin lill-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri tal-UE u l-imsieħba soċjali sabiex jiżviluppaw il-politiki tal-ETV Ewropej rilevanti.

Cedefop: jgħin fl-iżvilupp tal-politiki t-tajbin li jipprovdu l-ħiliet it-tajbin

Għaliex dan huwa importanti?

L-istrateġija tal-Ewropa għall-2020 (2) hija rotta għal tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklużiv permezz ta’ għarfien u innovazzjoni, b’mira għal rata ta’ impjieg ta’ 75 %. Is-suċċess ta’ din l-istrateġija jiddependi mill-ħiliet tal-forza tax-xogħol Ewropea. L-intrapriżi jeħtieġu nies bil-ħiliet meħtieġa sabiex jikkompetu u jipprovdu prodotti u servizzi ta’ kwalità għolja.

In-nies jeħtieġu l-kwalifiki xierqa biex isibu l-impjiegi. Nies b’livelli baxxi ta’, jew mingħajr, kwalifiki għandhom kważi tliet darbiet aktar ċans li jkunu qiegħda minn dawk li għandhom kwalifiki għoljin. Fl-UE, madwar 75 miljun persuna, kważi terz tal-popolazzjoni li taħdem, għandhom livelli baxxi ta’ kwalifiki jew m’għandhomx kwalifiki. Wisq żgħażagħ, madwar 15 %, jitilqu mill-iskola mingħajr kwalifiki.


(1) Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (1975). Ir-Regolament tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 1975 li jwaqqaf Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Professjonali (Cedefop) KEE Nru 337/75, Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, L 39, 13.2.1975 kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill KE Nru 2051/2004.
Fl-2019, ir-regolament ta’ twaqqif tas-Cedefop ġie sostitwit bir-Regolament 2019/128. 
https://www.cedefop.europa.eu/mt/about-cedefop/what-we-do/cedefop-regul… [ikkwotat 8.5.2019].

(2) Kummissjoni Ewropea (2010). Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv: komunikazzjoni mill-Kummissjoni. KUMM(2010) 2020 finali http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:2020:FIN… [aċċessat fis-26.4.2010].
Il-Kunsill Ewropew (2010). Ewropa 2020: strateġija Ewropea ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir.  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew. Brussell, 25 u 26 ta’ Marzu 2010. http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/10/st00/st00007.mt10.pdf [aċċessat fl-4.11.2010].