L-informazzjoni dwar id-dħul fl-2022 u l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet hija disponibbli hawnhekk.
AVVIŻ IMPORTANTI: It-trainees jiġu infurmati kif xieraq jekk japplikaw arranġamenti speċjali fid-dawl tal-istatus tas-sitwazzjoni tal-COVID-19 fil-mument li jinbeda t-traineeship.

L-għan tal-iskema ta’ traineeship

Kull sena, is-Cedefop joffri programm ta’ traineeship li għandu l-għan li:

  • jipprovdi lill-gradwati universitarji, lill-istudenti tal-PhD u lill-istudenti bi kwalifiki tekniċi b’esperjenza unika u diretta tal-ħidma tas-Cedefop, u b’mod aktar ġenerali tal-istituzzjonijiet tal-UE;
  • jippermetti lit-trainees jiksbu esperjenza prattika u għarfien tal-ħidma ta’ kuljum tad-dipartimenti u s-servizzi tas-Cedefop;
  • jipprovdi l-opportunità ta’ ħidma f’ambjent multikulturali, multilingwistiku u multietniku li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ fehim reċiproku, fiduċja u tolleranza;
  • jippromwovi l-integrazzjoni Ewropea fl-ispirtu ta’ governanza ġdida u permezz ta’ parteċipazzjoni attiva biex tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar ċittadinanza Ewropea vera;
  • jipprovdi l-opportunità li jitpoġġa fil-prattika l-għarfien miksub matul l-istudji u b’mod partikolari f’oqsma speċifiċi ta’ kompetenza. Jintroduċi lit-trainees fid-dinja professjonali u għar-restrizzjonijiet, id-dmirijiet u l-opportunitajiet tagħha.

Iż-żmien u t-tul ta’ żmien

Hemm dħul wieħed ta’ trainees fis-sena li jdum 12-il xahar, li jibda fl-1 ta’ Frar u jintemm fil-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

Rekwiżiti tal-għażla u ammissjoni

– Nazzjonalità –
It-trainees jintgħażlu biss minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-pajjiżi kandidati. Biex tara l-lista tal-pajjiżi kandidati attwali jekk jogħġbok irreferi għas-sit li ġej: http://ec.europa.eu/environment/enlarg/candidates.htm

– Edukazzjoni –
L-applikanti għal traineeship jeħtiġilhom li jkunu lestew l-ewwel ċiklu ta’ kors ta’ edukazzjoni għolja (edukazzjoni universitarja) u jkunu kisbu lawrja sħiħa jew l-ekwivalenti tagħha sad-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet. L-ewwel lawrja universitarja (eż. Baċellerat) trid tkun mehmuża biex applikazzjoni tkun valida. Iċ-ċeritifikati tal-Master, tal-PhD, tal-lingwi eċċ, jistgħu jiġu mehmuża għall-informazzjoni. Skont il-prijoritajiet operazzjonali, is-Cedefop jista’ jistieden ukoll kandidaturi għal traineeships f’oqsma speċifiċi (eż. il-manutenzjoni tal-bini, il-kċina, id-dokumentazzjoni, eċċ.) fejn it-traineeship huwa rekwiżit obbligatorju fil-kurrikulu tal-edukazzjoni għolja.

– Lingwi –
Sabiex it-trainee japprofitta bis-sħiħ mit-traineeship u jkun jista’ jsegwi l-laqgħat u jwassal riżultati b’mod adegwat:

  • il-kandidati mill-Istati Membri jeħtiġilhom ikollhom għarfien tajjeb ħafna (livell minimu: B2 skont il- QKERL) ta’ mill-inqas żewġ lingwi tal-UE, li waħda minnhom għandha tkun l-Ingliż. Għal xi pożizzjonijiet, jista’ jintalab livell ogħla;
  • il-kandidati minn pajjiżi kandidati jeħtiġilhom ikollhom għarfien tajjeb ħafna (livell minimu: B2 skont il- QKERL) ta’ mill-inqas l-Ingliż. Għal xi pożizzjonijiet, jista’ jintalab livell ogħla.

– Għażla u ammissjoni –
L-applikanti jintgħażlu abbażi tal-kwalifiki u filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet operazzjonali tas-Cedefop. Jekk jogħġbok innota li l-ammissjoni għal traineeship ma tagħtix lit-trainees l-istatus ta’ uffiċjali jew ta’ aġenti oħrajn tal-Unjoni Ewropea, u lanqas ma tinvolvi xi dritt jew prijorità fir-rigward ta’ ħatra fis-servizzi tas-Cedefop.

Kif tista’ tapplika?

– Applikazzjoni online –
L-applikazzjoni trid issir f’konformità mal-istruzzjonijiet ippubblikati fuq is-sit web tagħna, bl-użu tal-formola tal-applikazzjoni online. Ħlief f’każijiet debitament ġustifikati (eż. diżabilità) ma tiġi aċċettata l-ebda applikazzjoni stampata.

Jekk jogħġbok imla l-formola tiegħek kmieni kemm jista’ jkun peress li s-sistema titgħabba żżejjed meta tkun waslet l-iskadenza u hemm riskju li l-applikazzjoni tiegħek tista’ ma tiġix sottomessa b’suċċess.

Ladarba l-applikazzjoni tiegħek tkun ġiet sottomessa b’suċċess, tirċievi email awtomatika ta’ rikonoxximent b’numru tal-protokoll (li dejjem għandu jiġi kkwotat fi kwalunkwe kuntatt sussegwenti mas-Cedefop). F’każ li ddaħħal l-applikazzjoni tiegħek darbtejn bi żball u tikseb żewġ numri tal-protokoll, jekk jogħġbok infurmana permezz ta’ email fuq: traineeships [at] cedefop.europa.eu

Jekk jogħġbok kun ċert li tinkludi indirizz ta’ email validu fl-applikazzjoni tiegħek peress li l-korrispondenza ulterjuri kollha se tkun permezz ta’ emails.

L-applikazzjonijiet mhux kompluti, l-applikazzjonijiet li jaslu wara l-iskadenza jew li jintbagħtu bl-email/bil-posta, jiġu rrifjutati.

Minħabba l-għadd kbir ta’ applikazzjonijiet li jaslu, is-Cedefop mhux se jwieġeb mistoqsijiet individwali dwar l-eżitu tal-applikazzjonijiet.

– Informazzjoni rilevanti –
Qabel ma tibda l-applikazzjoni online tiegħek, jeħtieġlek taqra l-informazzjoni li ġejja:

– Dokumenti ta’ sostenn –
L-applikazzjonijiet iridu jkunu akkumpanjati minn kopja skennjata tal-ewwel lawrja universitarja tal-kandidat u l-curriculum vitae bl-Ingliż (preferibbilment bl-użu tal-format Ewropew: https://europa.eu/europass). Id-diplomi maħruġa bi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE ma jeħtiġux traduzzjoni.

L-applikazzjonijiet fejn il-lawrja universitarja jew is-CV tkun nieqsa ma jiġux ikkunsidrati mis-Cedefop.

Il-lawrja universitarja ma hijiex meħtieġa biss fejn it-traineeship huwa rekwiżit obbligatorju fil-kurrikulu tal-edukazzjoni għolja (eż. fl-oqsma tal-manutenzjoni tal-bini, il-kċina, id-dokumentazzjoni, eċċ.).

Organizzazzjoni tat-traineeship

It-trainees jitqiegħdu taħt ir-responsabbiltà ta’ superviżur. Is-superviżur jiggwida lit-trainee matul it-traineeship tiegħu, filwaqt li jaġixxi bħala l-mentor tiegħu.

Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni jitlestew fi tmiem it-traineeship, kemm mit-trainee kif ukoll mis-superviżur. It-trainees li jkunu lestew il-perjodu minimu meħtieġ ta’ traineeship (jiġifieri 3 xhur) jirċievu ċertifikat li jispeċifika d-dati tal-perjodu ta’ traineeship tagħhom fid-dipartiment rilevanti.

Għotja fix-Xahar

It-trainees jingħataw għotja ta’ manteniment fix-xahar. L-ammont tal-għotja jiġi deċiż mis-Cedefop u jiġi rivedut fuq bażi regolari skont ir-restrizzjonijiet baġitarji.

Bħalissa l-ammont tal-għotja huwa:

  • EUR 1 000.67 fix-xahar għal trainees minn barra l-pajjiż (l-Istati Membri tal-UE jew il-pajjiżi kandidati), kif ukoll trainees residenti fil-Greċja li jeħtieġu jmorru f’Tessaloniki għat-tul tat-traineeship;
  • EUR 750.50 fix-xahar għal trainees residenti f’Tessaloniki qabel il-bidu tat-traineeship tagħhom.

L-ispejjeż tal-ivvjaġġar (f’ċerti limiti) jiġu rimborżati wkoll.

It-trainees b’diżabilità jistgħu jirċievu suppliment għall-għotja tagħhom li jammonta għal nofs l-ammont tal-għotja. L-objettiv ta’ dan il-ħlas żejjed huwa li jgħin lit-trainees b’diżabilità jkopru spejjeż żejda bħat-trasport, l-ispiża ta’ akkomodazzjoni speċjali eċċ. li jistgħu jkunu meħtieġa minħabba d-diżabilità tagħhom.

Protezzjoni tad-data

Jekk jogħġbok irreferi għall-istqarrija ta’ privatezza għall-applikazzjonijiet online għat-traineeships.

Network ta’ trainees

In-“network ta’ Trainees Gradwati tas-CEDEFOP” huwa grupp li jgħaqqad it-trainees tal-passat, dawk attwali u tal-futur bejniethom u mas-Cedefop. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jgħin lit-trainees u lis-Cedefop jibqgħu f’kuntatt u li jġib ħafna benefiċċji kemm għall-organizzazzjoni kif ukoll għall-gradwati. Għandu wkoll l-għan li jikkomunika ideat u kulturi bejn pajjiżi Ewropej differenti b’enfasi fuq kwistjonijiet tal-VET.


Traineeships mingħajr ħlas

L-organizzazzjoni ta’ traineeships mingħajr ħlas bħalissa hija affettwata mill-pandemija tal-COVID-19.

Minħabba l-inċertezza dwar kif se tevolvi s-sitwazzjoni, ma nistgħux niggarantixxu li se jsiru traineeships bla ħlas.